Kien il-mibki Tony Bajada, li, flimkien u bl-għajnuna ta' Noel Attard u Charles Xuereb, f'Diċembru ta' l-1987 ġietu l-idea li jifforma Nursery tal-football fil-Ħamrun, bil-ħsieb li jipprepara u jtella' players għat-tim tal-kbar li f'dik l-epoka kien għaddej fl-aqwa tiegħu.
Minn numru ta' xi madwar 40 player li n-Nursery bdiet bih, illum jattendu xejn inqas minn 260 tifel u tifla bejn l-eta ta' 5 u 19 il sena. Minn fost il-players li għaddew min-Nursery, kienu bosta li għamlu l-grad, kemm ma l-Ispartans kif ukoll ma' clubs oħra madwar Malta u man-Nazzjonal. L-istaff tekniku li mexxa t-taħriġ tan-Nursery dejjem kien ta' l-aqwa livell fejn għen mhux ftit għas-suċċessi miksuba.
Wara li fil-bidu tagħha n-Nursery kienet tlaqqa' t-tfal fiċ-Ċentru li kien fi Triq Mile End, fl-2005 imxiet għal post li qed topera minnu sal-lum il-ġurnata, fi Triq Alexander, Ċentru li bix-xieraq hu msemmi 'Ċentru Tony Bajada'.
Xi ħaġa oħra li qed iżżid fil-popolarita' tagħha fin-Nursery tal-Ħamrun hija n-numru ta' bniet u tfajliet li qed jingħaqdu membri. Kien propju fl-2008 li rega' gie iffurmat it-tim tal-Hamrun tan-nisa li jaqa' taht ir-risponsabilita' tan-nursery.
Matul iż-żmien, in-Nursery għaddiet minn diversi problemi f'dawk li huma grounds għat-taħriġ, saħansitra, għal żmien mhux ħażin, kienu ristretti li jittrenjaw fuq it-tarmak tal-Liċeo tal-Ħamrun. Dawn id-diffikultajiet qatt ma qatgħu qalb Tony Bajada u sħabu li dejjem għamlu minn kollox biex in-Nursery tal-Ħamrun tkompli tikber għal dik li hi illum. Fl-2008, it-tfal u l-players kollha reġistrati man-Nursery tal-Ħamrun bdew jittrenjaw fuq il-pitch tal-Victor Tedesco Stadium minbarra l-pitch 5-a-side sintetiku wara li sar xoghol kbir fuq il-pitch innifsu fejn minn pitch ta' turf naturali sar wicc gdid ta' turf sintetiku.